Il-ħbiberija vera msejsa fuq l-imħabba – L-Arċisqof

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Wieħed jifhem għaliex il-Knisja fil-festa tal-lum, il-festa ta’ San Mattija tagħżel din is-silta sabiħa ħafna mill-kapitlu 15 tal-Evanġelju skont San Ġwann anke għaliex fil-versett tal-hallelujah, qabel propju din is-silta, il-Knisja tirrepeti vers li japplika ħafna għall-każ u l-missjoni ta’ Mattija. “Jiena għażiltkom u ħtartkom” (Ġw 15:16). Ġesù anzi jinsisti li mhux aħna għażilna lilu imma hu għażel lilna.

U meta d-dixxipli, anzi l-appostli għandhom bżonn jagħżlu ’l xi ħadd minflok Ġuda l-Iskarjota, it-traditur, biex il-Kulleġġ tal-Appostli jibqa’ bin-numru 12 li kien l-ewwel nett in-numru li għażel Ġesù u fl-istess ħin kien ukoll is-sinjal tal-poplu ta’ Alla mġedded u ġdid, iqiegħdu quddiem il-providenza, quddiem ir-rieda ta’ Alla l-għażla bejn żewġ persuni li kienu t-tnejn adatti. It-tnejn li huma, kemm dak li jissejjaħ Ġustu u kemm Mattija, kienu xhieda tal-ħajja ta’ Ġesù mill-magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista sa meta Ġesù ttieħed minn quddiemhom. It-tnejn li huma setgħu jintagħażlu; l-appostli jħallu l-għażla f’idejn il-Mulej: “Għax mhux intom għażiltu lili, iżda jien għażilt lilkom” (Ġw 15:16). U l-għażla ssir permezz tax-xorti.

Illum l-għażla tal-Isqfijiet, tas-suċċessuri tal-appostli ma ssirx bil-lotterija imma aħna hemm bżonn nitolbu biex min jintagħżel u li l-Knisja tifhem li huwa bniedem dgħajjef u midneb. Tant hu hekk li l-Isqof għandu dan il-privileġġ. Intom minn hawn u ftit ieħor se tisimgħuni ngħid: ‘Qaddej tiegħek mingħajr ma jistħoqqli’. Il-Knisja tgħallem lill-Isqof jammetti d-dgħufija tiegħu u n-nuqqas ta’ dinjità tiegħu għaliex id-dinjità tal-appostlu magħżul mhix ġejja mill-bravura tiegħu nnifsu imma mill-għażla tal-Mulej u mill-ħniena tal-Mulej.

Id-dixxiplu kif qal l-istess Ġesù, huwa ħabib tal-Mulej. Veru qalilna biex inkunu qaddejja bħalma hu qaddej, veru għallimna fl-istess kuntest tal-aħħar ċena li għandna naħslu saqajn xulxin, imma rridu nagħmluh mhux bi spirtu ta’ serviliżmu imma bl-imħabba. “Ħabbejtkom” u allura l-kmandament tiegħu huwa li nħobbu ’l xulxin kif ħabbna hu, “Kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12).

Ġesù jinsisti li mhux aħna għażilna lilu imma hu għażel lilna.

 

Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Mattija l-ewwel nett għas-sitwazzjonijiet fil-Knisja fejn hemm bżonn jintagħżel suċċessur tal-appostli. Qed naħseb anke fil-gżira għażiża u fid-djoċesi ta’ Għawdex li l-Papa għandu bżonn jagħżel suċċessur tal-appostli. U nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jdawwal il-Qdusija Tiegħu l-Papa f’din l-għażla li għandna bżonn jagħmel. U nitolbu wkoll biex aħna nifhmu li l-ħbiberija vera msejsa fuq l-imħabba, mhux x’se nieħu jew x’hemm għalija għaliex “M’hemmx imħabba akbar minn din”, jgħallimna Ġesù, “li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13).

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 1, 15-17. 20-26
Salm: 112, 1-8
Evanġelju: Ġw 15, 9-17